Riflessjonijiet għal‑kulħadd

Ħames mumenti ta’ talb privat fil-knisja
għal bejn Ħamis ix-Xirka filgħaxija u l-Ġimgħa l-Kbira filgħodu

 

Fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu. Ammen

L-Ewwel Mument

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mk 14: 32 – 35; 40 – 42)

Waslu f’qasam jismu Ġetsemani, u Ġesu’ qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bilqiegħda hawn sakemm nitlob.” U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. Qalilhom: “Inħossni mnikket għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru.” Mexa kemmxejn ’il quddiem, inxteħet fl-art, u talab li, jekk jista’ jkun titwarrab minnu dik is-siegħa. Mill-ġdid ġie u għal darb’oħra sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas; u ma għarfux x’jaqbdu jgħidulu. Ġie għat-tielet darba u qalilhom: “Torqdu issa u tistrieħu? Biżżejjed. Is-siegħa waslet; araw li Bin il-bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin. Qumu! Ejjew immorru! Ara, dak li se jittradini hu fil-qrib!”

Skiet

Talba

Nirringrazzjak Mulej Ġesu’ li stedintni biex inkun miegħek
f’dawn is-siegħat qaddisa ta’ mħabba bla rażan.

Int għeriqt l-għaraq tad-demm fit-talb
Ġejt ittradut minn Ġuda
Rċevejt kundanna biex tissallab bla ħtija
Sofrejt l-inġustizzja tal-ħelsien ta’ Barabba, li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil.

U Int ġejt mitfugħ il-ħabs għax qamu kontrik flimkien il-poter u r-reliġjon li sejħulek xewwiex u profeta falz
Irċevejt is-Salib u lqajtu bil-ħlewwa.

U dan kollu biex titneħħa l-ħtija tiegħi

Lili Mulej, l-inġustizzja ddejjaqni u ma tħallinix komdu
It-tbatijja twerwirni u tinkwetani
Is-salib ġieli nipprova niskansaħ
Is-solitudni m’inix tajjeb biex naffaċċjaha.

Imma Int Mulej għaddejt minn dan kollu għalina
għax b’imħabba kbira, ħlewwa u tenerezza
lqajt għandek lilna ħutek feruti u ħatja ħa tneħħilna l-ħtija u tagħtina n-nifs u l-fejqan.

Mulejja, nemmen fik, kollok verita’.
Mulejja, nitma fik, kollok ħniena.
Mulejja, inħobbok fuq kollox, kollok imħabba.
Mulejja, nindem għax regħxtek u offendejtek, kollok tjieba.
Mulejja, inqaddes ruħi bis-Sagramenti Tiegħek, kollok qdusija.

Missierna, Sliema, u Glorja.

Skiet

Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt Tiegħek inti fdejtna.


It-Tieni Mument

Mill-Evanġelju skont San Mark Mk:15:21

Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib.

Skiet

Talba

Mulej Ġesu’ jien ġejt hawnhekk biex nitlob
Qed inħares lejk fl-artal tar-repożizzjoni quddiemi
Qed nipprova nixħet ħarsti lejK
Qed nipprova nixħet il-ħarsa ta’ qalbi lejk f’dan il-mument ta’ grazzja

Bl-għajnejn tal-fidi nilmaħ għajnejk li f’dawn is-siegħat tal-passjoni tiegħek raw ħafna affarjiet u ħafna nies.

Nirrifletti Mulej kif rajt it-trab tal-art meta msaħtu b’geddumek meta waqajt għall-ewwel darba taħt il-piż tas-salib
Bdejt Mulej tħares ukoll lejn il-qlub ta’ dawk ta’ madwarek:
Qlub mimlijin għira, vjolenza, regħba għall-flus, nuqqas ta’ fidi,
Rajt f’għajnejhom l-ingratitudni lejK u lejn MissereK u lejn l-Ispirtu tal-Qdusija.

Kemm nixtieqek Mulej li tħares lejja minn dan it-Tabernaklu qaddis fejn tgħammar, issaltan u tħobb
Inti taf, b’ħafna mħabba, imma b’verita, li jiena tal-istess qatgħa ta’ dawk in-nies.

Illum għinni niċċekken quddiemek
Nitolbok tħares lejn għajnejja bħal ma ħarist lejn għajnejn ommoK Marija fit-Triq tas-Salib.
B’konsolazzjoni kbira għalik kont taf li dik l-ewwel u l-aqwa dixxiplu tiegħek
Ħares lejja bi ħniena Mulej u sawwar minni dixxiplu tiegħek li nimxi warajk kull fejn tmur u nagħmel kull ma tixtieq minni.

Nitolbok tħares lejn għajnejja bħal ma ħarist lejn Xmun minn Ċireni, li kontra qalbu jew le, refgħalek is-salib wara ġurnata xogħol.

Iftaħli qalbi għal kull min qed ibati u jħossu mdejjaq
Għinni nilqa’ b’qalb kbira li kull min hu mwarrab għax differenti mill-kotra, lil min m’għandux aktar x’joffri għax dgħajjef, lil min hu batut – għax hekk inkun qed nilqa’ lileK u nsir nixbħeK mimli mħabba.

Missierna, Sliema, u Glorja

Skiet

Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt Tiegħek inti fdejtna.

It-Tielet Mument

Mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija Is:50:6-8

Tajt dahri lil dawk li kienu jsawwtuni, ħaddejja lil dawk li kienu jnittfuli lħiti; ma ħbejtx wiċċi mit-tagħjir u l-bżieq, Sidi l-Mulej jgħinni, għalhekk ma nitħawwadx; għalhekk għamilt wiċċi bħaż-żnied: jien naf li ma jkollix mniex nistħi. Dak li jagħmel ġustizzja miegħi jinsab fil-qrib.

Skiet

Talba

Jaqbduni d-dwejjaq Mulej meta noqgħod niftakar li int kont raġel ta’ ftit aktar minn tletin sena fl-aqwa ta’ saħħtek u li f’dan il-ħin qaddis inti kellek togħtor it-tieni u t-tielet darba taħt il-piż tas-salib.

Sirt is-‘show’ quddiem kulħadd, tixkana mal-art u rkuptejk jikinsu ż-żrar tat-triq. Niftakar fil-ħaruf il-ġwejjed meħud għall-qatla.

Nħares lejK, Mulej, u tgħallimni s-sabar. Inti Alla li twieġeb għad-dgħufijiet tagħna bis-sabar tiegħeK.

Is-sabar mhux dejjem il-‘forte’ tiegħi, Mulej.

Fi triqtek lejn il-Kalvarju mgħobbi u mgħattan mis-salib, nitolbok tgħallimni nagħżel bħalek it-triq sabiħa tas-sabar, u ta’ ħafna paċenzja, u nevita li ninkorla jew li nirribella.
Nixtieqek Mulej tgħinni nippersevera u nibqa nagħmel dak li titlobni anke fi żmien ta’ tbatija.
Fi żminijiet iebsin biegħed minni kull xewqa li nfittex il-kumdità tiegħi, ħalli ma naqtax qalbi u ma nwarrabx minn taħt is-salib.
Berikni Mulej bir-rigal tas-sabar waqt il-mard. Sabar fir-riżq it-tajjeb u l-ħażin. Sabar biex ngħaddi mill-bieb id-dejjaq bħala dixxiplu. U iva Mulej, berikni b’sabar fil-persekuzzjonijiet li nista nġarrab għax jiena tiegħeK. Għinni niftakar li Nisrani li ma jbatix għaliK huwa Nisrani rieqed.
Ammen.
Mulejja, nemmen fik, kollok verita’.
Mulejja, nitma fik, kollok ħniena.
Mulejja, inħobbok fuq kollox, kollok imħabba.
Mulejja, nindem għax regħxtek u offendejtek, kollok tjieba.
Mulejja, inqaddes ruħi bis-Sagramenti Tiegħek, kollok qdusija.

Missierna, Sliema, u Glorja.

Skiet

Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt Tiegħek inti fdejtna.

Ir-Raba’ Mument

Mill-Evanġelju skont San Ġwann (19, 25 – 26)

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesu’ ommu. Mela kif Ġesu’ lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: ‘Mara, hawn hu ibnek.

Skiet

Talba

Mulej Ġesu’ minn fuq is-Salib tajtna r-rigal tant prezzjuż tal-Omm tiegħek bħala l-Omm tagħna. U Ġwanni ħa lil Marija, Ommok għandu.
F’dan il-mument ta’ talb nisimgħek tgħidli b’ħafna mħabba: ‘Hawn hi Ommok’, u qisek tistennieni biex ma naħlix ħin u neħodha għandi bħal ma għamel Ġwanni.
Nirringrazzjak minn qalbi, Mulej, li f’Marija tajtni Omm tant tenera, li tipproteġi b’ħila, li toffri b’sigurezza kenn u refuġju lil uliedha mtaqqlin.
Grazzi Mulej li meta nistħi jew ma jkollix wiċċ jew aptit niġi quddiemek, inkun nista’ immur għandha u nsib qalb ta’ omm tant safja, intelliġenti(għarfa) u ħanina, li terġa’ tgħidli b’tant ħlewwa: ‘Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu’.
Nirringrazzjak Mulej ta’ kemm-il darba smajt il-karba ta’ Ommok għalija u ħlistni minn ħafna saram fit-triq tal-ħajja.

Missierna, Sliema, u Glorja

Skiet

Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt Tiegħek inti fdejtna.

Il-Ħames Mument

Mill-Evanġelju skont San Luqa (23, 39 – 43)

Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.”

Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”

Skiet

Talba

Meta kont minxur fuq is-salib Mulej, inti ma qgħadtx taħsibha darbtejn biex twiegħed l-akbar rigal li seta talbek il-kriminal msallab fejnek. Ftit qabel inti interċedejt ma’ MissiereK u Missierna biex jaħfer lil dawk li salbuK.
Meta mmur inqerr u nisma l-kliem sabiħ li jserraħli qalbi: ‘Jiena naħfirlek fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu’, niftakar li int għallimtni li għandi nitlob il-maħfra bħalma jiena naħfer lil min ikun għamilli d-deni jew weġġgħani b’xi mod.
Inti taf Mulej li ġieli ħfirt minn qalbi, imma mhux dejjem tiġini faċli u jiġu drabi meta jkolli nissielet miegħi innifsi u forsi ndum ma nasal biex naħfer minn qalbi u bis-serjeta’. F’dan il-ħin tat-talb miegħek nixtieq nitolbok tgħinni naħfer minn qalbi u bla riżerva lil kull min b’xi mod dejjaqni jew hu ħati għalija.
Nitolbok biex fi tjubitek lanqas lili ma ċċaħħadni mill-ħajja ta’ dejjem għax kont xħiħ fil-ħniena u tqil biex biex naħfer.
Din it-talba nixtieq nagħmilha wkoll għal dawn kollha li nħobb – li inti taf min huma. Nixtieq ukoll nagħmilha għal dawk l-erwieħ tal-purgatorju fil-bżonn ta’ ħnientek safja w dejjiema. Nagħmilha wkoll għal dawk kollha li ma jistgħux jew ma jafux jitolbu għal grazzja bħal din. Nitlobha wkoll f’isem kull min b’xi mod għamilli l-ħsara jew umbrajtu f’qalbi tul is-snin ta’ ħajti.
Iva Mulej, fi tjubitek, iċċaħħadnix mill-ħajja ta’ dejjem għax kont xħiħ fil-ħniena jew tqil biex biex naħfer. Mexxili qalbi bix naħfer minn qalbi kif tagħmel lili int.

Skiet

Talba lil Ġesu Msallab

O Ġesu maħbub tiegħi, mixħut għarkubbtejja quddiemek, nitolbok, bl-akbar ħrara li tnissel f’qalbi twemmin, tama u mħabba l-aktar qawwija kif ukoll indiema kbira ta’ dnubieti u fehma sħiħa li ma nerġax noffendik; filwaqt li jiena, bl-imħabba u bil-ħniena kollha, sejjer naħseb fuq il-ħames pjagi tiegħek b’dak il-kliem quddiem għajnejja li qal fuqek il-profeta David ; “Nifduli idejja u riġlejja; għaddewli għadam tiegħi kollu”.

Missierna, Sliema, u Glorja

Nadurawk o Ġesu’ u nberkuk għax b’salibek u l-mewt Tiegħek inti fdejtna.